LIMSwiki
Kontenut
Jean-Baptiste Poquelin, aħjar magħruf bħala Molière (twieled fil-15 ta' Jannar 1622 – miet fis-17 ta' Frar 1673), kien kittieb tat-teatru Franċiż, direttur u attur kif ukoll wieħed mill-pijunieri tal-Kummiedja Satirika.
Ħajtu
Bin artist, Jean-Baptiste Poquelin, tilef lil ommu ta' età zgħira u sabiex ikompli l-istudji tiegħu huwa daħal fis-Soċjetà tal-Giżwiti, hekk meqjusa prestiġġjuża f'dawk iż-żminijiet, fil-Kulleġġ ta' Clermont.
Fl-età ta' tmintax-il sena, Poquelin irċieva t-titlu ta' Tapissier du Roi. Din il-pożizzjoni tatu lok għall-kuntatti iktar frekwenti mar-Re Lwiġi XIV. Huwa laħaq avukat fl-1642 ġewwa Orléans.
Il-wasla tiegħu f'Pariġi
F'Ġunju ta' l-1643, flimkien mal-maħbuba tiegħu Madeleine Béjart, ħuha u oħta, huwa waqqaf il-kumpanija tejatrali bl-isem ta' L'Illustre Théâtre, li spiċċat bla fondi fl-1645. Kien hawnhekk li huwa addotta l-isem fittizju ta' Molière, x'aktarx insipirat minn villaġġ żgħir fin-Nofsinhar ta' Franza, fil-viċinanzi ta' Le Vigan,li kien ta' l-istess isem. Jista' jagħti l-każ, li huwa għamel dan it-tibdil sabiex ma jġibx mistħija fuq missieru talli għandu attur fil-familja tiegħu. Minħabba l-falliment tal-kumpanija tiegħu kellu jqatta' xi ġimgħat il-ħabs biex ipatti għal xi dejn li kellu. Ġie meħlus mill-ħabs bil-għajnuna ta' missieru, u minn hemmhekk telaq ma' Madeleine idur mal-villaġġi ta' Franza u jagħmilha ta' kummidjant. Dam jgħix f'dan it-tip ta' ħajja għal 14-il sena sħaħ. Fil-bidu kien daħal bħala attur mal-kumpaniji ta' Charles Dufresne iżda mbagħad waqqaf kumpanija tiegħu. Matul il-vjaġġi tiegħu, Molière iltaqa' mal-Prinċep ta' Conti, gvernatur ta' Languedoc. Dan minn naħa tiegħu sar il-benefattur tiegħu u għalhekk Molière semma l-kumpanija tiegħu għalih. Din il-ħbiberija spiċċat ħesrem hekk kif Conti ssieħeb mal-għedewwa ta' Molière fil-Parti des Dévots.
Ġewwa Lyon, Mlle Duparc, magħrufa bħala Marquise, issieħbet fil-kumpanija. Pierre Corneille ipprova kemm -il darba jirbaħ l-imħabba ta' Marquise imma l-persekuzzjoni tiegħu ma sarfitx fi frott għax Marquise saret il-maħbuba ta' Jean Racine. Dan ta' l-aħħar offra lil Molière it-traġedja tiegħu Théagène et Chariclée (waħda mill-ewwel xogħolijeit tiegħu wara li abbanduna l-istudji tat-Teolgija). Imma Molière ma ried bl-ebda mod li jaċċetta dan għalkemm inkoraġġixxa lil Racine sabiex ikompli bil-karriera artistika tiegħu. Din il-ħbiberija intemmet bħal dik ta' qabilha meta Molière sar jaf li Racine kien ipprezenta l-istess traġedja bil-moħbi lill-kumpanija bl-isem ta' Hôtel de Bourgogne ukoll.
Molière wasal lura Pariġi fl-1658 u ħa sehem fit-traġedja ta' Corneille Nicomède u fil-farsa Le docteur amoureux ġewwa l-Louvre li dak iż-żmien kien jiġi mikri bħala teatru. Ta' min jgħid li dawn iż-żewġ wirjiet kienu ta' suċċess. Ġie ppremjat it-titlu ta' Troupe de Monsieur (Monsieur kien ħu r-Re)u bil-għajnuna ta' dan, il-kumpanija ta' Molière ingħaqdet mal-kumpanija famuża Taljana Commedia dell'Arte. Huwa stabillixxa ruħu sewwa fit-teatru tagħhom, Petit-Bourbon, fejn fit-18 ta' Novembru 1659, ġiet murija għall-ewwel darba fuq il-palk waħda mix-xogħolijiet il-kbar tiegħu, Les Précieuses Ridicules.
Dan kien l-ewwel attentat minn ħafna oħra li ġew warajh fejn Molière iwaqqa' ghaċ-ċajt ċerti manjieri u mġiba li kienu kommuni fi Franza ta' dak iż-żmien. Hawnhekk huwa ħareġ bil -frażi castigat ridendo mores (tikkritika lis-soċjetà permezz ta' l-umoriżmu). L-istil u l-kontenut ta' dan l-ewwel suċċess tiegħu mal-ewwel kienu l-mira ta' kritika qalila.