Type a search term to find related articles by LIMS subject matter experts gathered from the most trusted and dynamic collaboration tools in the laboratory informatics industry.
It-Tieni Gwerra Dinjija | |||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|
| |||||||
Belliġeranti | |||||||
Alleati. | Qawwiet tal-Assi. | ||||||
Kmandanti | |||||||
Politiċi: Militari: |
Politiċi: Militari: | ||||||
Korruti | |||||||
Total: 50 miljun Militari: 17-il miljun Ċivili: 33 miljun |
Total: 12 miljun Militari: 8 miljuni Ċivili: 4 miljuni |
It-Tieni Gwerra Dinjija kien kunflitt mondjali li involva l-maġġoranza tal-pajjiżi tad-dinja, b'mod speċjali l-pajjiżi l-iktar avvanzati maqsumin f'żewġ alleanzi militari opposti: L-Alleati u l-Qawwiet tal-Assi. Din il-gwerra involviet il-mobilitazzjoni ta' 'l fuq minn 100 miljun rekluta militari, b'hekk hi meqjusa bħala l-iktar gwerra mifruxa fl-istorja. Fi stat ta' "gwerra totali", il-partiċipanti maġġuri poġġew il-kapaċitajiet ekonomiċi, industrijali, u xjentifiċi għas-servizz ta' isforz belliku, bl-injorar tad-distinzjoni bejn riżorsi militari u dawk ċivili. Iktar minn 70 miljun ruħ, il-maġġoranza tagħhom ċivili, inqatlu f'dan il-konflitt, li għalhekk jitqies bħala l-iktar imdemmi fl-istorja umana. In-nefqa finanzjarja totali tal-gwerra hi stimata li laħqet triljun dollaru amerikan, b'hekk hi ukoll l-iktar gwerra li swiet flus. Il-bidu tal-gwerra hu meqjus li hu Settembru 1939 bl-invażjoni tal-Polonja, u d-dikjarazzjoni ta'gwerra fuq il-Ġermanja mir-Renju Unit, Franza u d-Dominji Britanniċi. L-Allejati kienu rebbieħa, bil-Ġermanja ċċedi fit-8 ta' Mejju 1945, u r-rebħa fuq il-Ġappun fit-2 ta' Settembru.
L-Unjoni Sovjetika u l-Istati Uniti ħarġu mill-kunflitt bħala ż-żewġ superpotenzi maġġuri. Din is-sitwazzjoni fetħet il-Gwerra l-Bierda, li damet 45 sena. Il-Ġnus Magħquda ġew iffurmati bit-tama li jiġi evitat kunflitt ieħor bħal dan. L-idea ta' determinazzjoni nazzjonali imbuttata mill-gwerra aċċelerat il-moviment ta' dekolonizazzjoni fl-Asja u l-Afrika, filwaqt li fl-Ewropa tal-Punent stess bdiet miexja lejn l-integrazzjoni.
Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, it-telfa tal-Ġermanja, ffirmata fit-Trattat ta' Versailles imponiet fuq dan il-pajjiż it-telfien ta' parti mdaqqsa mit-territorju, ċaħdet l-annessjoni ta' stati oħra, llimitat id-daqs tal-forzi armati Ġermanizi, u imponiet reparazzjonijiet finanzjarji kbar ħafna. Ir-Rivoluzzjoni Russa tal- 1917 u l-gwerra ċivili li din ikkawżat, wasslu għall-ħolqien tal-Unjoni Sovjetika li malajr ġiet taħt il-ħakma ta' Joseph Stalin. Fl-Italja, Benito Mussolini ħataf il-poter bħala dittatur faxxist bil-wiegħda li joħloq "Imperu Ruman Ġdid". Il-Partit Kuomintang fiċ-Ċina beda Spedizzjoni fit-Tramuntana (1926-1927) bħala programm ta' unifikazzjoni nazzjonali, kontra sinjuri tal-gwerra Ċiniżi tas-snin għoxrin, imma spiċċa mgħarraq fi gwerra ċivili kontra l-ex alleati, il-Partit Komunista Ċiniż. Fl-1931, l-Imperu Ġappuniż, li kien ilu ħafna jipprova jespandi l-influwenza tiegħu fiċ-Ċina, taħt il-kunċett tad-dritt li jaħkem fuq l-Asja, uża l-Inċident ta' Mukden bħala ġustifikazzjoni biex jinvadi l-Manċurja; iż-żewġ nazzjonijiet tqabdu f'bosta kunflitti zgħar sad-Dikjarazzjoni Tanggu li ħabbret il-waqfien tal-gwerra fl-1933. In-Nazzjonal-Soċjalist Adolf Hitler sar il-mexxej tal-Ġermanja fl- 1933 u fis beda kampanja kbira ta'riarmament. Dan ħasseb lil Franza u r-Renju Unit, li kienu batew ħafna fl-aħħar gwerra, kif ukoll l-Italja, li rat l-ambizzjonijiet territorjali tagħha jiddalmu minħabba dawk tal-Ġermanja. Biex jiżgura l-alleanza, il-Franċiżi ħallew lill-Italja ħielsa fl-operazzjonijiet tagħha fl- Etjopja, li l-Italja xtaqet taħtaf. Din is-sitwazzjoni ġiet aggravata fl-1935 meta s-Saarland ingħaqdet legalment mal-Ġermanja, u Hitler rrinunzja t-Trattat ta' Versailles, għaġġel ir-remilitarizazzjoni u daħħal il-lieva. Bl-isperanza li tinżamm il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza u l-Italja ffurmaw il-Front ta' Stresa. L-Unjoni Sovjetika, mbeżża mill-għanijiet tal-Ġermanja li taħtaf art fil-Lvant tal-Ewropa, kkonkluda trattat ta' assistenza militari ma' Franza.
Qabel jieħu effett, dan il-patt Franco-Sovjetiku kellu jgħaddi mill-burokrazija tal- Lega tan-Nazzjonijiet, li spiċċa jagħmlu bla saħħa. Biex iktar tikkomplika s-sitwazzjoni, f'Ġunju tal-1935, ir-Renju Unit iffirma trattat Navali indipendenti mal-Ġermanja, jħoll ħafna mir-restrizzjonijiet ta' qabel. L-Istati Uniti, minħabba l-ġrajjiet fl-Ewropa u l-Asja, għadda l-Att tan-Newtralità' f'Awissu. F'Ottubru, l-Italja invadiet l-Ewropa, bil-Ġermanja tkun l-uniku pajjiż fl-Ewropa li ma kkundannatx dan l-att. L-Italja allura neħħiet kull objezzjoni tagħha fuq l-għan tal-Ġermanja li tagħmel mill-Awstrija stat-satellita. Bi vjolazzjoni diretta tat-Trattat ta' Versaille u dak ta' Lokarno, Hitler rremilitarizza r- Rhineland f'Marzu tal- 1936, u hawn bilkem irċieva tweġiba mil-potenzi l-oħra. Meta bdiet il-Gwerra Ċivili Spanjola f'Lulju, Hitler u Mussolini għenu l-fazzjoni faxxista mmexxija minn Ġeneralíssimu Francisco Franco u l-forzi nazzjonalisti tiegħu fil-gwerra ċivili kontra t-Tieni Repubblika Spanjola, megħjuna mill-Unjoni Sovjetika. Iż-żewġ naħat użaw il-kunflitt biex jisperimentaw armi u metodi ta' gwerra ġodda, bil-forzi nazzjonalisti spanjoli jirbhu fl-1939.
Biż-żieda fit-tensjonijiet, bedw isiru sforzi ta' konsolidazzjoni ta' poter f'bosta pajjiżi. F'Ottubru, l-Ġermanja u l-Italja ffurmaw l-Assi Ruma-Berlin u xahar wara, il-Ġermanja u l-Ġappun, bil-ħsieb li l-Unjoni Sovjetika u l-komuniżmu kien l-ikbar periklu għalihom, iffirmaw il-Patt Anti-Komintern, li l-Italja daħlet fih sena wara. Fiċ-Ċina, il-Kuomintang u l-forzi komunisti, qablu fuq waqfien mil-ġlied biex jippreżentaw front magħqud kontra l-forzi ġappuniżi.
Dati oħra li huma kkunsidrati bħala l-bidu tal-kunflitt jinkludu l-invażjoni ġappuniża tal-Manċurja fl-1931, il-bidu tat-Tieni Gwerra Sino-Ġappuniża, fl-1937, jew bosta dati marbutin ma' avvenimenti oħrajn. Xi sorsi jimxu mal-idea ta' A. J. P. Taylor, li jemmen li kien hemm żewġ gwerer simultanei, il-Gwerra Sino-Ġappuniża fl-Asja tal-Lvant, u t-Tieni Gwerra Ewropea fl-Ewropa u fil-kolonji tagħha, imma dawn ma sarux gwerra dinjija sakemm ma ngħaqdux fl-1941 bid-daħla fil-gwerra tal-Unjoni Sovjetika; b'hekk il-gwerra kompliet sal-1945.
Għat-tmiem tal-gwerra għandha bosta dati wkoll. Xi sorsi jgħidu li dan seħħ bl-armistizju tal-14 t'Awwissu 1945, minflok fid-data li fiha l-Ġermanja ċediet b'mod uffiċjali; f'diskussjonijiet storiċi Ewropej, il-gwerra ntemmet f'Jum ir-Rebħ fl-Ewropa, il-V-E Day. It-trattat uffiċjali tat-tmiem tal-gwerra mal-Ġappun ġie iffirmat biss fl-1951, fit-Trattat ta' San Francisco.
F'nofs l-1937, wara l-Inċident fuq il-Pont Marku Polo, il-Ġappun beda invażjoni sħiħa taċ-Ċina. Is-Sovjetiċi mill-ewwel għenu liċ-Ċiniżi, fatt li ħassar il-kooperazjoni Ċiniża mal-Ġermanja. Wara assalt fuq Shanghai , il-Ġappuniżi tefgħu lura l-qawwiet Ċiniżi, bil-ħtif tal-kapitali Nanġing f'Diċembru. F'Ġunju tal- 1938, iċ-Ċiniżi żammew l-avvanzata Ġappuniża billi għarrqu x-Xmara s-Safra; anki jekk dan ta' liċ-Ċiniżi biżżejjed ħin biex tiġi ffortifikata l-belt ta'Wuħan, il-belt xorta wagħet f'idejn Ġappuniżi sa Ottubru. F'dan iż-żmien, forzi ġappuniżi u sovetiċi ingaġġaw f'battalja minuri fuq l-Għadira Khasan; f'Mejju tal-1939, dawn ġew involuti f'battalja eħrex f'Khalkhin Gol, li spiċċat bi qbil ta' waqfien mill-ġlied fil- 15 ta' Settembru u r-restawr tal-istat ante bellum.
Fl-Ewropa, il-Ġermanja u l-Italja bdew jippreparaw għat-taqbid. F'Marzu tal-1938, il-Ġermanja permezz tal- Anschluss, għaqqdet lill-Awstrija mat-territorju tagħha, li ma tantx ġabet rekriminazzjonijiet mill-poetnzi Ewropej. Inkuraġġat, Hitler beda jesponi drittijiet ġermaniżi fuq is-Sudetenland; Franza u l-Gran Brittanja ħallewh jannessi dawn l-artijiet fil-Qbil ta' Munich, bil-wiegħda li din kellha tkun l-aħħar domanda territorjali tal-Ġermanja. Hitler malajr ħarab mil-wiegħda tiegħu. F' Marzu tal-1939, il-Ġermanja u l-Ungerija okkupaw iċ-Ċekoslovakkja sħiħa, flimkien.
Allarmat, u b'Hitler jiddikjara li ried jerġa' jagħqqad lil belt ta' Danżing, u allura kellu pretensjonijiet għal art Pollakka, Franza u r-Renju Unit ħarġu garanzija tal-indipendenza tal-Polonja; meta l-Italja invadiet l-Albanija f'April, l-istess garanzija ġiet estiża lir-Rumanija u l-Greċja. L-Unjoni Sovjetika pruvat tallea ruħha ma' Franza u r-Renju Unit, imma ġiet injorata minħabba suspetti fuq il-motivi tagħha u l-kapaċitajiet militari li kellha. Ftit wara l-garanziji Franko-Britanniċi lejn il-Polonja, il-Ġermanja u l-Italja fformalizzaw l-alleanza tagħhom bil-Patt tal-Azzar. Bit-twemmin li Franza u r-Renju Unit ma xtaqux jalleaw rwieħhom mal-Unjoni Sovjetika, minħabba l-biża li din setgħet tiżviluppa fi gwerra bejn Hitler u l-URSS bil-qawwiet tal-Punent jibqgħu newtrali jew jgħinu lil Hitler, l-Unjoni Sovjetika ddeċiedet li tidħol fi qbil li ma tattakkax lil Ġermanja permezz tal –Patt Molotov Ribbentrop. Dan il patt kien jinkludi qbil sigriet biex l-Ewropa tal-Lvant tinqasam bejniethom. Fl- 1 ta' Settembru, 1939, Adolf Hitler ħabbar l-invażjoni tal-Polonja u t-Tieni Gwerra Dinjija bdiet. Franza, l-Gran Brittanja, u l-Pajjiżi tal-Commonwealth ddikjaraw gwerra fuq il-Ġermanja, imma ftit li xejn wettqu operazzjonijiet belliċi apparti attakk zgħir Franċiż fis-Saarland. F' nofs Settembru, wara li ġie ffirmat armistizju mal-Ġappun, l-Unjoni Sovjetika bdiet l-invażjoni tagħha tal-Polonja. Sa' l-bidu t' Ottubru, il-Polonja nqasmet bejn il-Ġermanja u l-Unjoni Sovjetika. Matul il-battalji fil-Polonja, il-Ġappun beda l-ewwel attakk fuq il-belt ċiniża strateġikament importanti ta' Changsha; dan l-attakk falla sal-bidu t'Ottubru.
Wara l-invażjoni tal-Polonja, l-Unjoni Sovjetika bdiet l-okkupazzjoni tal-Pajjiżi Baltiċi. Reżistenza Finlandiża għal pressjonijiet mill-Unjoni Sovjetika f' l-aħħar ta' Novembru wassal għall-Gwerra tax-Xitwa li damet erba' xhur, u ntemmet bit-Trattat ta' Paċi ta' Moska b'konċessjonijiet Finlandiżi. Franza u r-Renju Unit trattaw l-attakk tal-Unjoni Sovjetika fuq il-Finlandja daqslikieku din daħlet fil-gwerra fuq in-naħa tal-Ġermanja, u rrispondew għal din l-invażjoni billi qablu mal-espulsjoni tas-Sovjetiċi mill-Lega tan-Nazzjonijiet. Anki jekk iċ-Ċina kellha l-saħħa timponi l-veto fuq din l-azzjoni, hi la riedet tinqata mill-potenzi tal-punent u wisq inqas mill-Unjoni Sovjetika u għalhekk iddeċidiet li tastjeni. L-Unjoni Sovjetika xorta ma qablitx ma' din l-azzjoni, u ssospendiet kull għajnuna militari għaċ-Ċina. Sa' Ġunju 1940, il-Forzi Armati Sovjetiċi lestew l-okkupazjoni tal-istati ta' mal-Baltiku.
Fl-Ewropa tal-Punent, qawwiet Brittaniċi bdew l-ewwel jibagħtu l-ewwel truppi fuq il-kontinent, però la l-Ġermanja u lanqas l-Alleati ma bdew attakki diretti fuq l-għadu. F'April, il-Ġermanja invadiet id-Danimarka u n-Norveġja biex tiddefendi l-fornituri ta' minerali tal-ħadid mill-iSvezja, li l-Alleati żgur kienu ser jippruvaw iwaqqfu. Id-Danimarka ikkapitulat mill-ewwel, u minkejja s-support tal-Alleati, in-Norveġja intrebħet f'inqas minn xahrejn. Skuntentizza Brittanika fuq il-Kampanja Norveġjiża wasslet għall-waqgħa tal-Prim Ministru Neville Chamberlain, b' Winston Churchill jieħu postu fl-10 ta' Mejju, 1940.
Fl-istess jum, il-Ġermanja invadiet lil Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi. L-Olanda u l-Belġju ġew assaltati u waqgħu fi ftit ġimgħat, permezz tat-tattiċi tal-blitzkrieg. Il-Linja Maġinot, ffortifikata mill-Franċiżi ddawret mill-Ġermaniżi b' manuvri fuq il-ġenb minn ġol Muntanji tal-Ardennes; dawn kienu jitqiesu bħala barriera impenetrabli għall-karrijiet armati mill-Franċiżi. Truppi Brittaniċi kienu sfurzati jevakwaw il-kontinent f' Dunkirk, bit-telf ta' ħafna mill-materjal militari li kellhom, sa' l-aħħar tax-xahar. Fl-10 ta' Ġunju, l-Italja invadiet, u ddikjarat gwerra fuq Franza u r-Renju Unit ; tnax-il jum wara, Franza ċediet u mill-ewwel inqasmet f' żoni ta' okkupazzjoni Ġermaniza u Taljana, kif ukoll stat pupazz mhux okkupat taħt ir-Reġim ta' Vichy. Fil-bidu ta' Lulju, l-qawwiet Brittaniċi attakkaw il-flotta Franċiża fl-Alġerija biex jipprevjenu li din tingħaqad ma' dik Franċiża.
Bi Franza barra mill-kunflitt, il-Ġermanja bdiet kampanja ta' superjorita tal-ajru fuq l-Ingilterra bi preparazzjoni għall-invażjoni. Il-kampanja falliet u sa Settembru l-pjanijiet tal-invażjoni ġew kanċellati. Bl-użu ta' portijiet Franċiżi okkupati, il-Flotta Ġermaniża gawdiet suċċessi fuq Flotta Rjali li kienet estiża wisq, bl-użu ta' U-boats fil-linji ta' fornitura navali Brittaniċi. L-Italja bdiet l-operazzjonijiet fil-Mediterran, billi fetħet assedju f' Malta f'Ġunju, bir-rebħ tas-Somaliland Brittanika f'Awissu, u b' inkursjonijiet fl-Eġittu okkupat mill-Brittanja fil-bidu ta' Settembru. Il-Ġappun żied l-imblokk taċ-Ċina f'Settembru bil-ħtif ta' bosta bażijiet navali fit-tramuntana tal-kolonja iżolata tal-Indoċina Franċiża.
Matul dan iż-żmien kollu, l-Istati Uniti newtrali ħadu xi miżuti biex jgħinu liċ-Ċina u l-Alleati tal-Punent. F'Novembru tal-1939, l-Att tan-Newtralità Amerikan ġie amendat biex iħalli x-xiri ta' munizzjonijiet mill-Alleati. Fl-1940, wara l-waqgħa ta' Franza, il-qies tal-Flotta Navali tal-Istati Uniti tkabbret ħafna u wara l-inkursjonijiet Ġappuniżi fl-Indoċina, l-Istati Uniti imblukkaw l-esportazzjoni ta' ħadid, azzar u partijiet mekkaniċi lejn il-Ġappun. F'Settembru, l-Istati Uniti qablu li jpartu ammont ta' destroyers qodma għal bażijiet Brittaniċi fil-Karibew.
Fl-aħħar ta' Settembru il-Patt Tripartit bejn il-Ġappun, l-Italja u l-Ġermanja fformaliżżaw il- Qawwiet tal-Assi. Il-patt stipula li, b'eċċezzjoni tal-Unjoni Sovjetika, kull pajjiż li jattakka l-pajjiż tal-Assi ikollu jidħol fi gwerra ma' kull wieħed mill-pajjiżi msieħba. L-Unjoni Sovjetika wriet interess li tidħol f'din l-alleanza, u f'Novembru batgħet it-test tal-patt amendat; wara offriet ukoll għajnuna ekonomika li kienet tiffavorixxi ħafna lill-Ġermanja. Il-Ġermanja baqgħet siekta fuq l-ewwel proposta, iżda qablet mat-tieni waħda. Minkejja dan il-Patt, l-Istati Uniti komplew jgħinu r-Renju Unit u ċ-Ċina bl-introduzzjoni tal-qbil Lend-Lease. L-Istati Uniti ħolqu żona ta' sigurta tikkomprendi madwar nofs l-Oċean Atlantiku bil-flotta Amerikana teskorta konvojs Brittaniċi.
F'Ottubru, l-Italja invadiet il-Greċja imma fi ftit jiem l-attakk twaqqaf mill-Griegi u ġie mbuttat lura fl-Albanija. Ftit wara, fl-Afrika, qawwiet tal-Commonwealth bdew attakki fuq l-Eġittu u l-Lvant Taljan tal-Afrika. Sal-bidu tal-1941, il-qawwiet taljani intefgħu lura fil-Libja mil-Commonwealth, Churchill ordna li jintbagħtu truppi biex isaħħu l-Griegi. Ir- Flotta Taljana tilfet bosta battalji navali, bil-Flotta Rjali taqla' tliet bastimenti tal-gwerra mill-kunflitt b'attakk fuq Taranto, u ħafna bastimenti oħra magħrrqa fil-Battalja ta' Kap Matapan. Il-Ġermanja malajr interveniet biex tgħin lill-Italja. Hitler bagħat qawwiet ġermaniżi fil-Libja fi Frar u sat-tmiem ta' Marzu bdew attakk fuq il-forzi tal-Commonwealth mnaqqsin ħabba l-isforz fil-Greċja. F'xahar, il-qawwiet tal-Commonwealth reġgħu intefgħu fl-Eġittu bl-eċċezzjoni tal-port mblokkat ta' Tobruk. Il-Commonwealth pruvat teħles mill-qawwiet tal-Assi f'Mejju u f'f'Ġunju, iżda falliet fiż-żewġ okkażjonijiet. Fil-bidu t'April il-Ġermaniżi intervjenew fil-Balkani, bl-invażjoni tal-Greċja u l-Jugoslavja; hawnhekk l-attakk irnexxa, u l-Alleati ġew sfurzati jevakwaw il-Greċja, u l-gżira ta' Kreta sal-aħħar ta' Mejju.
L-Alleati xorta kellhom xi rebħiet importanti f'dan iż-żmien ukoll. Fil-Lvant Nofsani, qawwiet tal-Commonwealth l-ewwel waqqfu kolp ta' stat fl-Iraq li kellu l-għajnuna ta' ajruplani Ġermaniżi minn bażijiet Franċiżi kkontrollati mir-reġim ta' Vichy fil-mandat Franċiż fis-Sirja , wara, bl-għajnuna tal-Forces Françaises Libres, invadiet is-Sirja u l-Libanu biex iżomm milli jerġgħu jinqalgħu l-istess problemi. Fl-Atlantiku, il-Brittaniċi irnexxielhom jgħollu l-moral pubbliku billi għerrqu l-bastiment amirral tal-Ġermanja, il-Bismarck. Forsi l-ikbar suċċess f'dan iż-żmien kien fil-Battalja tal-Brittanja, fejn ir-Royal Air Force irnexxiela tirreżisti attakki mill-Luftwaffe, tant li fl-10 ta' Mejju 1941, Hitler ħassar il-kampanja tal-bombardament fuq l-Ingilterra.
Fl-Asja, minkejja bosta azzjonijiet offensivi miż-żewġ naħat, il-gwerra bejn iċ-Ċina u l-Ġappun ma wasslet suċċessi lil ebda naħa. F'Awissu ta' dik is-sena, il-Komunisti Ċiniżi bdew offensiva fiċ-Ċina ċentrali; b'retaljazzjoni, il-Ġappun iddeċiedi li jdaħħal miżuri ta' rappreżalja fit-territorji okkupati. Biex iktar tiġi ikkumplikata s-sitwazzjoni, bdew jiżdiedu t-tensjonijiet bejn il-qawwiet komunisti u dawk nazzjonalisti fiċ-Ċina, li laħqu 'l ogħla f'Jannar tal-1941, tant li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ fazzjonijiet ċiniżi waqfet.
Bis-sitwazzjoni fl-Ewropa u l-Asja bejn wieħed u ieħor stabbli, il-Ġermanja, il-Ġappun u l-Unjoni Sovjetika bdew jippreparaw għal dak li seta' jiġri wara. Is-Sovjetiċi kienu qed jibżgħu mill-espansjoni Ġermaniża, kif ukoll minn dik Ġappuniża fil-possedimenti Ewropej mogħnija b'ħafna riżorsi minerali, b'hekk l-URSS u l-Ġappun iffirmaw qbil ta' newtralità f'April, 1941. Bil-kontra, il-Ġermanja kienet diġa qed tibgħat il-qawwiet tagħha fuq il-fruntiera Sovjetika
Fl-aħħar jiem ta' Ġunju, il-Ġermanja, flimkien ma' pajjiżi oħra membri tal-Assi u l-Finlandja, invadiet l-Unjoni Sovjetika. Dawn kisbu u okkupaw ħafna artijiet fir-Russja tal-Punent, u kkaġunaw ħafna mejtin, u saħansitra kważi waslu sa Moska, biss bl-ibliet ta' Leningrad u l- Sebastopli mhux mirbuħa, u wara l-linja tal-gwerra. Però bil-wasla tax-xitwa kiefra fir-Russja, l-offensiva tal-Assi waqfet ħesrem u s-Sovjetiċi wettqu kontro-offensiva bl-użu ta' truppi u riservi li nġiebu mill-fruntiera mal-istat satellita tal-Ġappun, il-Manċukwo.
Wara l-attakk Ġermaniż fuq is-Sovjetiċi, ir-Renju Unit beda jirkupra. F'Lulju, ir-Renju Unit u l-Unjoni Sovjetika ffurmaw alleanza militari kontra l-Ġermanja u ftit wara invadew l-Iran biex jiżguraw il-Kuritur Persjan u l-fornituri ta' żejt Iranjan. F'Awissu, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti ħarġu ċ- Ċarter Atlantiku, viżjoni li kienet tiggarantixxi "d-dritt ta' kull poplu li jagħżel il-forma ta' gvern li ried". F'Novembru, qawwiet tal-Commonwealth bdew kontro-offensiva fid-deżert, u rebħu lura kull avvanz li kienu għamlu l-qawwiet Ġermaniżi u Taljani.
Il-Ġappun, bl-isperanza li tgawdi mill-kontroll Ġermaniż tal-Olanda, għamlet bosta talbiet, fostom anke fornitura kostanti ta' żejt, mill-Indji Olandiżi tal-Lvant; dawn il-laqgħat fallew f'Ġunju. F'Lulju, il-Ġappun ħatfu l-kontroll militari tal-Indoċina tan-nofsinhar għax mhux talli setgħet tinfluwenza l-Olanda aħjar, iżda kienet tkompli toħnoq liċ-Ċina; u jekk kien hemm bżonn ta' gwerra, kienet tipprovdi bosta bażijiet strateġiċi kontra l-Brittanja u l-Amerika. L-Istati Uniti, r-Renju Unit u l-pajjiżi l-ożra tal-punent u l-gvernijiet f'eżilju, wieġbu għal din l-inkursjoni Ġappuniża bil-friża tal-assi u l-beni Ġappuniżi, u l-Istati Uniti, li waħedha kienet tforni mat-80% taż-żejt tal-Ġappun, żiedet iż-żejt mal-lista ta' riżorsi fl-imblokk tal-Ġappun. B'dan l-imblokk mhux mistenni, il-Ġappun kien sfurzat li jew jirtita mill-aggressjoni fl-Asja, jew inkella jaħtaf iż-żejt li ried b'mod dirett; il-forzi militar ġappuniżi ma kienux jaqblu mal-ewwel għażla, u ħafna minnhom ikkunsidraw l-imblokk taż-żejt bħala dikjarazzjoni ta' gwerra siekta.
.
Il-Kwartierġenerali Imperjali Ġappuniż iddeċieda li jespandi perimetru ta' gżejjer għal ġoċ-ċentru tal-Paċifiku biex jgħin fi gwerra difensiva u fl-istess ħin ikun jista' jiddisponi mir-riżorsi tax-Xlokk tal-Asja; biex jipprevjeni l-agressjoni u allura jiżgura l-perimetru, kien pjanat li tiġi newtraliżżata mill-bidu l-Flotta tal-Istati Uniti tal-Paċifiku. Fis-7 ta' Settembru, il-Ġappun attakka possedimenti Brittaniċi, Olandiżi u Amerikani b'offensivi kważi simultanei fl-Asja tax-xlokk u l-Paċifiku ċentrali, fostom attakk fuq il-bażi navali Amerikana ta' Pearl Harbor.
Dawn l-attakki ġiegħlu lill-Istati Uniti, r-Renju Unit, ċ-Ċina, u l-Alleati l-oħra tal-punent biex jiddikjaraw gwerra fuq il-Ġappun. L-Italja, il-Ġermanja, u l-membri l-oħra tal-Patt Tripartit wieġbu billi jiddikjaraw gwerra fuq l-Istati Uniti. F'Jannar, l-Istati Uniti, r-Renju Unit, l-Unjoni Sovjetika u ċ-Ċina, flimkien ma' tnejn-u-għoxrin stat żgħir jew gvern f'eżilju, ħarġu d-Dikjarazzjoni mill-Ġnus Magħquda, bl-affirmazjoni mil-ġdid taċ-Ċarter Atlantiku u l-formaliżazzjoni tal-alleanza kontra l-qawwiet tal-Assi. L-Unjoni Sovjetika ma mexietx bi sħiħ ma' din id-dikjarazzjoni, billi żammet il-qbil li kellhom mal-Ġappun, kif ukoll astjeniet mill-prinċipju ta' determinazjoni poplari. Il-Qawwiet tal-Assi, però, rnexxew ikomplu l-offensivi tagħhom. Il-Ġappun kien kważi żataf ix-Xlokk tal-Asja sal-aħħar t'April, 1942, keċċew l-Alleati minn Burma, ħadu ħafna priġunieri fil-Filippini, fil-Malaja,fl-Indji tal-Lvant Olandiżi u f'Singapore. Ibbumbardaw il-bażi navali f'Darwin fl-Awstralja, u għerrqu bosta bastimenti Alleati, mhux biss f'Pearl Harbor, imma wkoll il-Prince of Wales u r-Repulse fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar, fil-Baħar ta' Java u l-Oċejan Indjan. L-uniku suċċessi ta' veru kontra l-Ġappun kienu r-rebħa fejn il-belt ta' Changsha fil-bidu ta' Jannar, 1942, u rebħa psikoloġika bil-bumbardament tal-kapitali ġappuniża, Tokyo f'April.
Il-Ġermanja kienet kapaċi tieħu l-offensiva mill-ġdid ukoll. Il-Flotta Ġermaniża ndunat bl-inesperjenza Amerikana fil-kamp t' gwerra bis-sottomarini, u rnexxiela tgħarraq riżorsi importanti fejn il-kosta Amerikana. Fid-deżert, bdew offensiva f'Jannar, u mbuttaw il-qawwiet Brittaniċi lura lejn il Linja ta' Gazala sal-bidu ta' Frar. Fl-Unjoni Sovjetika, il-kontro-offensiva Sovjetika tax-xitwa kienet spiċċat sa' Marzu. Fid-deżert kien hemm kalma mhux tas-soltu fl-operazzjonijiet, li tat ċans lill-Ġermanja tipprepara għall-offensiva li jmiss
Fil-bidu ta' Jannar, il-Ġappun beda jipprova jaħtaf Port Moresby permezz t'assalt amfibju biex tinqatal-linja ta' komunikazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Awstralja. L-Alleati, però, interċettaw il-messaġġ, u dawwru lura l-qawwiet navali, u waqqfu l-invażjoni. Il-pjan li jmiss tal-Ġappun, mmotivat mill-bombardament ta' Tokyo, kien li jinħataf l-Atoll ta' Midway biex jinġibdu l-aircraftcarriers Amerikani u jgħerrquhom hemm; bħala diverżjoni, il-Ġappun kellu jibgħat forzi ta' diverżjoni billi jokkupa l-gżejjer Alewzjani. Fil-bidu ta' Jannar, il-Ġappun beda jimxi ma' dawn il-pjanijiet iżda l-Amerikani, li rnexxielhom jiddeċifraw il-kodiċi sigrieti navali ġappuniżi, kienu jafu b'kollox u użaw din l-informazzjoni biex jirbħu vittorja deċiżiva fuq il-Flotta Imperjali Ġappuniża. Bil-kapaċità tagħhom drastikament mnaqqsa ħabba t-telfa f'Midway, il-Ġappun prova jikkonċentra l-attakki tiegħu billi jiffukaw fuq Port Moresby, b'kampanja minn fuq l-art fit-Territorju tal-Papua. L-Amerikani pjanaw kontro-attak fuq il-Ġappuniżi, b'pożizjonijiet fin-nofsinhar tal-Gżejjer Solomon, primarjament Guadalcanal, bħala l-ewwel pass biex jinħataf Rabaul, il-bażi navali ġappuniża prinċipali fix-Xlokk tal-Asja. Iż-żewġ pjanijiet bdew f'Lulju, però sa nofs Settembru, il-battalja ta' Guadalcanal ħadet prijorità, u t-truppi ta' New Guinea ġew ordnati li jirtiraw minn Port Moresby għall-provinċja ta' Oro. Guadalcanal malajr sar punt fokali għaż-żewġ naħat b'użu ta' truppi u materjal f'battalja t'attrizzjoni. Sal-bidu tal- 1943, il-Ġappuniżi tilfu l-gżira u rtiraw it-truppi.
F'Burma, qawwiet tal-Commonwealth bdew żewġ operazzjonijiet. L-ewwel waħda, kienet offensiva fir-reġjun tal-Arakan fl-aħħar tal-1942, marret ħażin ħafna tant li kellha ssir irtitrata lura fl-India sa Mejju tal-1943. It-tieni kienet id-dħul ta' qawwiet irregolari wara l-linji Ġappuniżi fi Frar, li sal-aħħar t'April, kienet kisbet riżultati dubjużi ħafna.
Fuq il-front tal-lvant tal-Ġermanja, l-Assi rebaħ f'offensiva Sovjetika fil-peniżola ta' kerch u f' Kharkov u wara bdew l- offensiva tas-sajf kontra r-Russja tan-nofsinhar f'Ġunju, 1942, bl-għan li jintrebaħ iż-żejt tal-Kawkażu. Is-Sovjetiċi ddeċidew li jwaqqfu l-irtirata tagħhom fi Stalingrad, u sa nofs Novembru l-Ġermaniżi kważi ħadu Stalingrad fi ġlied qalil fit-toroq. Meta s-Sovjetiċi bdew it-tieni kontro-offensiva tax-xitwa, bil-qtugħ tal-forzi ġermaniżi fi Stalingrad u attakk fuq il-qagħdiet Ġermaniżi fi Rzhev fejn Moska, fejn tal-aħħar falliet serjament. Sa' l-bidu ta' Frar, l-Armata Ġermaniża kienet soffriet telfiet qawwija; it-truppi fi Stalingrad kellhom iċedu u l-linja tal-front ġiet imbuttata lil hinn minn fejn bdiet l-offensiva Ġermaniża. F'nofs Frar, wara li attakk Sovjetiku batta fix-xejn, il-Ġermaniżi reġgħu attakkaw Kharkov, u dawwru l-belt russa ta' Kursk bil-qagħdiet tagħhom.
Fil-punent, bil-biża li l-Ġappun seta' juża l-gżira ta' Madagaskar bħala bażi ġiegħel lil Brittaniċi jinvadu l-gżira f'Mejju, 1942. Dan is-suċċess malajr intesa meta offensiva Ġermaniża fil-Libja imbuttat il-qawwiet Alleati sa' r-raħal ta' El-Alamein, fejn irnexxielhom iwaqqfu l-qawwiet tal-Assi. Fil-kontinent, rejds ta' kommandos Alleati fuq objettivi strateġiċi, fostom ir-rejd diżastruż fuq Dieppe, wrew in-nuqqas ta' saħħa tal-Alleati tal-Punent biex jattwaw invażjoni tal-Ewropa kontinentali mingħajr preparazjoni bir-reqqa, materjal aħjar, u sigurtà operazjonali. F'Awissu l-Alleati rnexxielhom jimbuttaw t-tieni attakk fuq El Alamein u, b'telf qawwi ħafna, rnexxielhom iwasslu munizzjonijiet u għajnuna lill-gżira assedjata ta' Malta. Ftit xhur wara, l-Alleati bdew attakk tagħhom fl-Eġittu, qalgħu l-qawwiet tal-Assi mit-trunċieri u bdew javvanzaw minn ġol-Libja. Fuq ix-xtajta l-oħra tal-Afrika, invażjoni Anglo-Amerikana ta' t-Tramuntana Franċiż tal-Afrika, wasslet biex ir-reġjun daħlet fil-gwerra mal-Alleati. Hitler wieġeb għal din il-bidla ta' naħat billi okkupa l-bqija ta' Franza , anki jekk l-Ammiraljat ta' Vichy rnexxielu jgħarraq il-flotta Franċiża biex ma taqax f'idejn Ġermaniżi. Il-qawwiet tal-Assi f'dawn in-naħat irtiraw fit-Tuniżija, li kienet issa imdawra; din intrebħet mill-Alleati sa Mejju 1943.
.
Fl-Asja kontinentali, il-Ġappuniżi bdew żewġ offensivi serji. L-ewwel, li bdiet f'Marzu, 1944, kienet kontra l-qawwiet Brittaniċi f' Assam, fl-Indja u malajr wassal biex il-qawwiet ġermaniħi jassedjaw il-pożizzjonijiet tal-Commonwealth f' Imphal u Kohima; imma sa Mejju, qawwiet ġappuniżi oħra kienu qed jiġu assedjati f'Myitkyina minn qawwiet ċiniżi li nvadew it-tramuntana ta' Burma fl-aħħar tal-1943. It-tieni kienet fiċ-Ċina, bl-għan li jitkissru l-forzi armati ċiniżi, jiżguraw il-ferroviji bejn it-territorju okkupat mill-Ġappun, u l-bażijiet tal-ajru Amerikani. Sa Ġunju, il-Ġappuniżi rebħu l-provinċja ta'Ħenan u reġgħu bdew l-attak għal Changshafil-provinċja tal-Ħunan.
Wara l-kampanja fi Guadalcanal, l-Alleati bdew bosta operazzjonijiet kontra l-Ġappun fil-Paċifiku. F'Mejju, 1943, qawwiet Amerikani ntbagħtu fil-Gżejjer Alewzjani b'risposta għall-attakk ġappuniż ; ftit wara nbdew operazzjonijiet fejn Rabaul biex tiġi iżolata din il-bażi, u attentat biex jinfetaħ il-perimetru ġappuniż fil-Paċifiku fil-gżejjer Gilbert u Marshall. Sal-aħħar ta' Marzu, 1944, l-Alleati kienu laħqu dawn l-għanijiet, biż-żieda tan-newtraliżazzjoni ta' bażi ġappuniża kbira oħra fil-Gżejjer Caroline. F'April, l-Alleati bdew operazzjoni biex terġa tittieħed in-New Guinea tal-Punent.
Fil-Mediterran, qawwiet Alleati bdew invażjoni ta' Sqallija fil-bidu ta' Lulju, 1943. L-attakk fuq it-territorju taljan, biż-żieda tal-ħafna telfiet fil-gwerra, wasslet għall-waqgħa u l-arrest ta' Mussolini iktar tard matul ix-xahar. L-Alleati komplew din l-azzjoni meta invadew il-peniżola taljana fil-bidu ta' Settembru, u wkoll iffirmaw armistizju mal-Italja. Meta l-armistizju ġie dikjarat fit-8 ta' Settembru, il-Ġermanja wieġbet billi żarmat il-qawwiet Taljani, bil-ħtif ta' art Taljana, u l-bini ta' bosta linji difensivi. Fit-12 ta' Settembru qawwiet speċjali Ġermaniżi ħatfu l-Mussolini li waqqaf ir-stat satellita ġdid fit-territorju taljan okkupat mill-Ġermanja. L-Alleati ġġieldu bosta battalji u għaddew minn ħafna minn dawn il-linja, sakemm ma' waslu fejn il-linja difensiva prinċipali Ġermaniża f'nofs Novembru. F'Jannar 1944, l-Alleati attakkaw il-linja fejn Monte Cassino u pruvaw iduru l-linja bi żbarki f'Anzio.Sal-aħħar ta' Mejju, iż-żewġ offensivi rnexxew, però bosta diviżjonijiet ġermaniżi ħarbu; fl-4 ta' Ġunju Ruma ntrebħet.
Operazzjonijiet ġermaniżi fl-Atlantiku wkoll soffrew f'dan il-perijodu. Sa Mejju 1943, telfiet ta' sottomarini kienu tant għoljin li l-attakki kellhom jiġu sospiżi, għax il-kontro-miżuri Alleati bdew issiru iktar u iktar effettivi. Fl-Unjoni Sovjetika, il-Ġermaniżi użaw ir-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf tal-1943 jagħmlu l-preparazzjonijiet għal attakk kbir madwar il-belt ta' Kursk; is-Sovjetiċi bdew ndunaw b'din l-azzjoni u użaw dak il-ħin biex jiffortifikaw dik l-area. Fl-4 ta' Lulju, il-Ġermaniżi bdew l-attakk, imma madwar ġimgħa wara Hitler ikkanċella l-operazzjoni. Is-Sovjetiċi kienu kapaċi jibdew kontro-offensiva, u sa Ġunju 1944, kienu keċċew il-qawwiet tal-Assi u għamlu inkursjonijiet fir-Rumanija. F'Novembru, 1943, Franklin Roosevelt uWinston Churchill iltaqgħu ma' Chiang Kai-shek fil-Kajr u wara ma' Joseph Stalin f' Tehran. Fl-ewwel konferenza ġie determinat ir-ritorn tal-artijiet okkupati mill-ġappuniżi, u fit-tieni, l-Alleati tal-Punent qablu li jinvadu l-Ewropa Kontinentali fl-1944 u li l-Unjoni Sovjetika kellha tiddikjara gwerra fuq il-Ġappun fi tlett xhur mir-rebħa fuq il-Ġermanja.
Wara l-avvanzata Sovjetika u l-ħelsien tal-belt ta' Leningrad fi Frar 1944, il-kontro-offensiva inżammetfuq il-fruntiera tal-Estonja għal 8 xhur mill-forzi armati ġermanizi, megħjuna minn truppi Estoni maqbuda bil-lieva, u bl-isperanza li jerġgħu jwaqqfu l-istat sovran tal-Estonja.
Fis-6 ta' Ġunju 1944, (magħrufa bħala D-Day), l-Alleati tal-Punent invadew it-tramuntana ta' Franza u, wara li tmexxew ħafna diviżjonijiet mill-Italja, Operazzjoni Dragoonin-nofsinhar ta' Franza wkoll. Matul il-bqija tas-sena, l-Alleati tal-Punent imbuttaw il-qawwiet ġermaniżi fil-punent tal-Ewropa, u fl-Italja waslu sal-l-aħħar linja difensiva.
Fit-22 ta' Ġunju, is-Sovjetiċi bdew attakk fil-Belarus (magħrufa bħala "Operazzjoni Bagration") li wasslet għad-distruzzjoni totali tal-Grupp Ċentrali tal-Armata Ġermaniża. Ftit żmien wara, offensiva strateġika Sovjetika kbira tefgħet it-truppi Ġermaniżi fl-Ukrajna lura fil-Lvant tal-Polonja. Assalti oħra kontra l-Finlandja u r-Rumanija ġabu suċċessi oħra kbar,bil-Bulgaria, r-Rumanija u l-Finlandja jiffirmaw armistizji mal-Unjoni Sovjetika u wasslu biex qawwiet ta' reżistenza Pollakki biex jibdew bosta rvelli fil-Polonja, anki jekk l-ikbar wieħed minn dawn, f' Varsavja, ġie kondott mingħajr assistenza Sovjetika u twaqqaf wara ħafna taqbid mill-Ġermaniżi. F'Ottubru, is-Sovjetiċi bdew attakk aħrax fuq it-territorju Ungeriż okkupat mill-Ġermanja li damet għaddejja sal-waqgħa ta' Budapest fi Frar tal-1945.
Sal-bidu ta' Lulju, qawwiet tal-Commonwealth fix-Xlokk tal-Asja ħelsu mill-assedju ġappuniż t'Assam, u tefgħu lil ġappuniżi lura fix-xmara Chindwin mentri ċ-Ċiniżi okkupaw lil Myitkyina. Fiċ-Ċina, il-Ġappuniżi kellhom iktar suċċessi, fejn irnexxielhom jirbħu l-belt ta' Changsha f'nofs Ġunju u dik ta' Ħengyang fil-bidu t'Awissu. Ftit wara, dawn daħlu fil-provinċja ta' Guangxi, u rebħu bosta battalji kontra qawwiet ċiniżi f'Guilin u Liuzhou f'Novembru, kif ukoll għaqqdu l-qawwiet tagħhom fiċ-Ċina u l-Indoċina sa nofs Diċembru.
Fil-Paċifiku, il-qawwiet Amerikani komplew jimbuttaw il-perimetru tal-Paċifiku. F'nofs Ġunju, fl-1944, bdew offensiva kontra l-gżejjer Mariana u Palau, u rnexxielhom jagħmlu rebħa kbira fil-Baħar tal-Filippini fi ftit ġranet. Fl-aħħar t'Ottubru, qawwiet Amerikani invadew il-gżira filippina ta' Leyte; ftit wara, forzi navali Alleati rebħu battalja oħra fil-Golf ta' Leyte.
Fis-6 ta' Diċembru, 1944 qawwiet Ġermaniżi wettqu kontro-attakk fl-Ardennes kontra l-Alleati tal-Punent. L-Alleati damu sitt ġimgħat biex iwaqqfu dan l-attakk. Is-Sovjetiċi attakkaw minn ġol-Ungerija, filwaqt li l-Ġermaniżi telqu l-Greċja, l-Albanija u ġew imbuttati minn nofsinhar tal-Jugoslavja mill-partiġġjani. Fl-Italja, l-Alleati tal-Punent baqgħu mwaħħlin mal-aħħar linja difensiva. F'nofs Jannar tal-1945, is-Sovjetiċi attakkaw minn ġol-Polonja, u mbuttaw lura kważi sax-xmara Oder fil-Ġermanja, u ħatfu l-Prussja tal-Lvant. Fl-4 ta' Frar, mexxejja Amerikani, Brittaniċi, u Sovjetiċi iltaqgħu f' Yalta. Dawn qablu fuq l-okkupazzjoni tal-Ġermanja wara l-gwerra u kkonfermaw id-dħul tal-Unjoni Sovjetika kontra l-Ġappun x'ħin il-Ġermanja ċċedi.
Fi Frar, qawwiet tal-Alleati tal-Punent daħlu fil-Ġermanja u waslu sax-xmara Renu , sakemm is-Sovjetiċi invadew il-Pomerania u s-Silesia. F'Marzu, l-Alleati tal-Punent daru r-reġjun industrijali tar- Ruhr, u qatgħu barra ħafna truppi Ġermaniżi, filwaqt li s-Sovjetiċi avvanzaw fuq Vjenna. Fil-bidu t'April, l-Alleati tal-Punent imbuttaw 'il quddiem fl-Italja u daħlu sew fil-Ġermanja tal-punent; f'dan iż-żmien, is-Sovjetiċi daħlu f'Berlin. F'Jum l-Elba, il-25 t'April, elementi minn forzi Amerikani u Sovjetiċi iltaqgħu flimkien fuq ix-xmara Elba, effetivament l-Alleati kienu qasmu l-Ġermanja fi tnejn.
Ħafna tibdiliet fit-tmexxija tal-pajjiżi bdew jiġru f'dan iż-żmien. Fit-12 t'April, miet il-President Amerikan Roosevelt; li ġie segwit minn Harry Truman. Mussolini inqatel mill-partiġġjani taljani fit-28 t'April u jumejn wara, Hitler kkommetta swiċidju, u ġie segwit bħala mexxej tal-Ġermanja minn Karl Dönitz.
Il-qawwiet Ġermaniżi ċedew fl-Italja fid-29 t'April u fl-Ewropa tal-Punent fis-7 ta' Mejju. Imma l-ġlied baqa' sejjer fuq il-front tal-lvant sakemm il-Ġermaniżi ċedew b'mod speċifiku lis-Sovjetiċi fit-8 ta' Mejju. Fi Praga, ir-reżistenza ta' elementi Ġermaniżi baqgħet għaddejja sal-11 ta' Mejju. Fit-teatru Paċifiku, qawwiet Amerikani bdew javvanzaw fuq il-Filippini u ħadu l-Leyte kollha f'1944. Wara niżlu f'Lużon f'Jannar 1945 u f'Mindanao f'Marzu.Qawwiet Ċiniżi u Brittaniċi rebħu lill-Ġappuniżi fit-tramuntana ta' Burma, u minn Ottubru sa Marzu bdew jimbuttaw sa Rangoon, li laħqu fit-3 ta' Mejju. Qawwiet Amerikani bdew jersqu lejn il-Ġappun, u ħadu lil Iwo Jima sa Marzu, u Okinawa sa Ġunju. Il-ħin kollu waqt dawn l-avvanzati, bombardamenti Amerikani mill-ajru ħassru bliet Ġappuniżi, u sottomarini Amerikani fgaw l-importazzjoni ta' kull tip ta' prodott lejn il-Ġappun.
Fil-11 ta' Lulju, mexxejja Alleati ltaqgħu f'Potsdam, fejn Berlin. Dawn kkonfermaw il-qbil preċedenti fuq il-Ġermanja u reġgħu tennew li l-Ġappun kellu jċedi bla ebda kundizzjoni speċifikament bil-kliem li "l-alternattiva għall-Ġappun kienet distruzzjoni immedjata u kompleta " Matul din il-konferenza, ir-Renju Unit żamm elezzjoni ġenerali u Clement Attlee ħa post Churchill bħala Prim Ministru. Meta l-Ġappun kompla jmeri li jċedi bla kundizzjoni, l-Istati Uniti tefgħu bombi atomiċi fuq l-ibliet Ġappuniżi ta' Ħiroxima u Nagasaki fil-bidu t'Awissu. Bejniet dawn iż-żewġ bombi, is-Sovjetiċi invadiet it-territorju tal-Manċurja, okkupat mill-Ġappun, Kif miftiehem f'Yalta. Fil-15 t'Awissu, 1945 il-Ġappun ċeda, u l-gwerra ntemmet.
Fi sforz biex tinżamm il-paċi, l-Alleati ffurmaw il-Ġnus Magħquda, li uffiċjalment bdew fl-24 t' Ottubru, 1945. Minkejja dan, l-alleanza bejn l-Unjoni Sovjetika u l-Alleati tal-Punent kienet diġa bdiet issofri, minn qabel ma spiċċat il-gwerra, u ż-żewġ kampijiet malajr waqqfu l-isferi t'influwenza tagħhom. Fl-Ewropa, il-kontinent kien maqsum fi tnejn, il-Punent u l-Lvant bil-Purtiera tal-Ħadid li kienet tgħaddi mill-Ġermanja okkupata u l-Awstrija okkupata. Fl-Asja, l-Istati Uniti okkupaw il-Ġappun u amministraw il-gżejjer Ġappuniżi fil-Paċifiku, filwaqt li s-Sovjetiċi ħatfu l-gżejjer ta' Sakhalin u Kuril; iż-żewġ superpotenzi emerġenti qasmu l-Korea bejniethom. Tensjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika malajr evlovew fil-formazzjoni tal-alleanza NATO, mmexxija mill-Amerika u l-alleanza tal-Patt ta' Varsavja mmexxija mill-Unjoni Sovjetika; dan kien il-bidu tal-Gwerra l-Bierda bejniethom.
F'ħafna partijiet tad-dinja, il-kunflitt reġa' beda taħt forma oħra ftit wara li ntemm uffiċjalment. Fiċ-Ċina, il-fazzjonijiet komunisti u nazzjonalisti malajr reġgħu bdew il-gwerra ċivili tagħhom. Il-komunisti ħarġu rebbieħa u waqqfu r-Repubblika Popolari Ċiniża fiċ-Ċina kontinentali, filwaqt li qawwiet nazzjonalisti rtiraw lura fuq il-gżira ta' Taiwan. Fil-Greċja, bdiet gwerra ċivili bejn qawwiet li jżommu mas-sultan, megħjuna mill-Anglo-Amerikani u l-qawwiet komunisti, bir-rebħa tal-qawwiet tas-sultan. Ftit wara li ntemmu dawn il-kunflitti, bdiet il-Gwerra tal-Korea bejn il-Korea tan-Nofsinhar, megħjuna mill-qawwiet tal-Punent, u l- Korea tat-Tramuntana, megħjuna mill-Unjoni Sovjetika u ċ-Ċina; din il-gwerra ntemmet bi qbil ta' waqfien t'attivitajiet militari, imma l-ebda trattat ta' paċi ma ġie iffirmat.
Wara t-tmiem tal-gwerra, beda żmien twil ta' dekoloniżazzjoni fost il-bosta potenzi kolonjali Ewropej. Dan ġara minħabba bidliet fl-ideoloġiji politiċi, għejja ekonomika wara l-gwerra u x-xewqa tal-popli indiġeni li jkollhom rajhom f'idejhom. Fil-maġġoranza tald-drabi, dawn it-transizzjonijieti kienu paċifiċi anki jekk kien hemm eċċezzjonijiet bħall-Indoċina, Madagaskar, Indoneżja u l-Alġerija. F'ħafna reġjuni seħħu diviżjonijiet, minħabba raġjunijiet etniċi jew ta' reliġjon, minħabba t-tluq tal-qawwiet Ewropej; dan ġara b'mod prominenti fil-Mandat tal-Palestina, li wassal għall-kreazzjoni t' Iżrael u l-Palestina, kif ukoll fl-Indja, li ġab miegħu il-ħolqien tad-Dominju tal-Indja u d-Dominju tal-Pakistan.
L-irkupru ekonomiku wara l-gwerra kien ivarja fid-diversi reġjuni tad-dinja , anki jekk b'mod ġenerali dan kien pożittiv. Fl-Ewropa, il-Ġermanja tal-Punent irkuprat malajr u sas-snin ħamsin kienet diġa rdupjat il-produzzjoni ekonomika tagħha. L-Italja ħarġet mill-gwerra b'ekonomija mfarrka imma, wkoll sal-ħamsinijiet, l-ekonomija Taljana kienet stabbli ferm u kienet qed tikber m'mod mgħaġġel. L-ekonomija tar-Renju Unit kienet fi stat ta' rovina, u baqgħet tesperjenza deklin ekonomiku relattiv għall-għexieren ta' snin wara l-gwerra. Franza reġgħet ġiet f'tagħha malajr, u malajr gawdiet minn tkabbir ekonomiku u moderniżazzjoni. L-Unjoni Sovjetika wkoll esperjenzat tkabbir ekonomiku qawwi ħafna fis-snin ta' wara l-gwerra. FL-Asja, il-Ġappun esperjenza tkabbir ekonomiku inkredibbli, li wassal biex sas-snin tmenin l-ekonomija Ġappuniża ssir waħda mill-potenzi ekonomiċi mondjali. Sal-1953, fiċ-Ċina r-restawrazzjoni ekonomika dehret li laħqet suċċess kbir, tant li l-produzzjoni kienet diġa laħqet il-livelli ta' qabel il-gwerra. Dan it-tkabbir kompla, anki jekk twaqqaf għal żmien qasir minħabba l-esperiment ekonomiku tal-Pass Kbir 'il Quddiem. Sa' l-aħħar tal-gwerra , l-Istati Uniti kienu jipproduċu madwar nofs il-produzzjoni industrijali mondjali; sa' l-aħħar tas-snin sebgħin, din id-dominazzjoni kienet naqset sew.
Stimi għat-total ta' mejtin madwar id-dinja kollha jvarjaw,imma l-maġġoranza jsostnu li madwar 60 miljun ruħ mietu fil-gwerra, bejn wieħed u ieħor 20 miljun suldat u 40 miljun civil. Ħafna minn dawn tal-aħħar mietu minħabba mard, ġuħ, massakri u ġenoċidji. L-Unjoni Sovjetika waħedha tilfet madwar 27 miljun ruħ fil-gwerra, madwar nofs it-total ta' mejtin. Minn dan it-total, madwar 85% kien telf minn naħa tal-Alleati (il-maġġoranza kienu Sovjetiċi u Ċiniżi) u 15% kienu minn naħa tal-Assi. Stima waġda hi li madwar 12-il miljun ċivil mietu f'kampijiet ta' konċentrament Nażisti, miljun u nofs minn bombardamenti, 7 miljuni fl-Ewropa għal kawżi oħra, u 7 miljuni u nofs fiċ-Ċina għal raġunijiet oħra. Il-figuri totali ta' mewtiet u telfien ta' ħajja mhumiex magħrufa minħabba l-fatt li l-maġġoranza assoluta tagħhom qatt ma ġew dokumentati.
Ħafna minn dawn il-mejtin irriżultaw minn atti ta' ġenoċidju magħmula f'territorji okkupati mill-Assi, kif ukoll krimini ta' gwerra oħra mill-qawwiet Ġermaniżi kif ukoll Ġappuniżi. L-iktar atroċità magħrufa u magħmula mill-Ġermaniżi kien l-Olokawst, il-ġenoċidju sistematiku tal-Lhud f'territorji kkontrollati mill-Ġermaniżi u l-alleati tagħhom. In-Nażisti wettqu krimini wkoll lejn popli oħra, fosthom ir-Roma (kif ukoll il-Porajmos), l-iSlavi, u l-omosesswali]], sterminazzjoni ta' madwar ħames miljun ruħ. Għall-Ġappun, l-iktar massakru magħruf huwa l-Massakru ta' Nanking, fejn bosta mijiet t'eluf ċivili ċiniżi inqatlu u ġew abbużati. Il-Militar Ġappuniż qatel minn 3 miljun sa iktar minn 10 miljun ċivil, fil-maġġuranza tagħhom ċiniżi.
Użu limitat ta' gwerra kimika u bioloġika minn qawwiet tal-Assi huwa wkoll magħruf. It-Taljani użaw il-gass mustarda fil-gwerra tal-Abbisinja, filwaqt li l-Armata Imperjali Ġappuniża użat varjetà minn dawn l-armi fl-invażjoni u okkupazjoni taċ-Ċina u f' kunflitti bikrin kontra s-Sovjetiċi. Kemm il-Ġermaniżi kif ukoll il-Ġappuniżi sperimentaw dawn l-armi fuq iċ-ċivili, u f'ċerti każi anki priġunieri ta' gwerra.
Filwaqt li bosta krimini tal-Assi ingħataw prominenza fl-ewwel tribunal internazzjonali tad-dinja, krimini ta' gwerra tal-Alleati ma ġewx trattati bl-istess mod. Eżempji ta' dawn l-azzjonijiet jinkludu l-moviment furzat ta' nies fl-Unjoni Sovjetika, l-internament ta' ċittadini Amerikani b'dixxendenza ġappuniża fl-Istati Uniti, il-massakru Sovjetiku ta' ċittadini pollakki u l-użu kontroversjali ta' bombardamenti strateġiċi ta' zoni ċivili f'territorju tal-għadu, fosthom Dresden. Numru kbir ta' mewtiet jistgħu jiġu attributi, anki jekk parzjalment lill-gwerra, bħal-miżerja fil-Bengal tal-1943.
In-Nażisti kienu responsabbli għall-qtil ta' madwar sitt miljun Lhudi (b'maġġoranza assoluta minnhom Axkenazi) kif ukoll żewġ miljun pollakki etniċi, u madwar erba' miljun oħra li tqiesu "mingħajr dritt li jgħixu" (fosthom diżabbli, disturbi mentali, priġunieri ta' gwerra sovjetiċi, omosesswali, mażuni, xiehda ta' Jehovah, u nies Roma) bħala parti minn progamm ta' sterminazzjoni pjanat u eżegwit mill-Ġermanja Nażista. Madwar 12-il miljun, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu mil-Lvant tal-Ewropa, kienu jaħdmu fl-ekonomija ġermaniża bħala furzati.
Lil hinn mill-kampijiet ta' konċentrament nażisti, il-Gulags Sovjetiċi, jew kampijiet ta' xogħol oħra,wasslu għall-mewt ta' ħafna ċittadini ta' pajjiżi okkupati, bħal Polonja, Litwanja, Latvja, u l-Estonja, kif ukoll priġunieri ta' gwerra Ġermaniżi u ċittadini sovjetiċi stess li tqiesu li kienu jżommu mal-Ġermanja. Sittin fil-mija ta' priġunieri ta' gwerra sovjetiċi mietu fil-gwerra.
Kampijiet ta' priġunerija Ġappuniżi wkoll kellhom rati għolja ta' mejtin, u ħafna mill-priġunieri kienu jintużaw ukoll għal xogħlijiet furzati. Ir-rati ta' priġunieri mejtin ċiniżi kien ħafna għola; filwaqt li 37,583 priġunier brittaniku, 28,500 olandiż u 14,473 Amerikan inħelsu wara li l-Ġappun ċeda, in-numru ta' ċiniżi meħlusa kien biss 56. Fid-19 ta' Frar, 1942 Roosevelt ffirma 'L-Ordni Eżekkutiv tal-Istati Uniti Numru 9066', li interna eluf ta' Amerikani-Ġappuniżi, Taljani emigrati fl-Amerika, kif ukoll dawk mill-Ġermanja, u xi emigranti mill-Ħawaii li ħarbu minn Pearl Harbor. 150,000 Ġappuniż ġew internati mill-gvernijiet tal-Kanada u tal-Istati Uniti, u madwar 11,000 Ġermaniż u Taljan li kienu residenti fl-Istati Uniti.
L-użu ta' xogħol furzat mill-Alleati sar fil-maġġoranza tal-każi fil-Lvant, bħal Polonja, imma iktar minn miljun ġew użati wkoll fil-Punent. Sa Diċembru tal-1945 awtoritajiet Franċiżi kienu jistmaw li madwar 2,000 priġunier Ġermaniż kienu qed imutu jew jispiċċaw feruti f'inċident ma' attivitajiet ta' bonifika ta' mini.
Fl-Ewropa, qabel il-bidu tal-Gwerra, l-Alleati kellhom vantaġġi kbar fil-kampijiet ta' popolazzjoni u ekonomija. Fl-1938, l-Alleati tal-Punent (Renju Unit, Franza, Polonja u d-Dominji Brittaniċi) kellhom popolazzjoni 30% ikbar u prodott gross domestiku (PGD) ta' 30% ikbar mill-Qawwiet tal-Assi ta' dawk iż-żminijiet (Ġermanja u Italja); jekk jingħaddu l-Kolonja, il-vantaġġi għall-Alleati kienu jiġu madwar 5:1 f'popolazzjoni u madwar 2:1 fil-PGD. Fl-Asja, iċ-Ċina kellha popolazzjoni sitt darbiet ogħla mill-Ġappun, imma PGD 89% ogħla biss; dan jiġi għal madwar tlett darbiet il-popolazzjoni u PGD 38% ogħla jekk wieħed jinkludi kolonji ġappuniżi. Anki jekk il-vantaġġi ekonomiċi u ta' popolazzjoni tal-Alleati ġew fgati bl-użu tat-tattika tal-Blitkrieg, dawn saru l-fatturi deċisivi fl-1942, u wara d-dħul tal-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika fin-naħa tal-Alleati, il-gwerra intefgħet fuq linji t'attrizzjoni.
Anki jekk il-kapaċità tal-Alleati li jipproduċu iktar mill-Assi is-soltu titqies li kienet minħabba l-ammont ta' riżorsi naturali li kellhom l-Alleati, fatturi oħra, bħar-riluttanza tal-Ġermanja u l-Ġappun li jħallu lin-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol, il-bombardament strateġiku tal-Alleati u d-dewmien biex il-Ġermanja taqleb għall-ekonomija bellika, ikkontribwew b'mod qawwi ħafna fil-gwerra. Mhux hekk biss, kemm il-Ġermanja u kif ukoll il-Ġappun, qatt ma pjanaw li jiġġieldu gwerra twila, u ma kienux ekwipaġġati għaliha. Biex itejbu l-produzjoni tagħhom, il-Ġermanja u l-Ġappun użaw miljun ta' nies bħala skjavi u furzati, il-Ġermanja użat adwar 12-il miljun persuna, il-maġġoranza tagħhom mil-Lvant tal-Ewropa, filwaqt li l-Ġappun uża 'l fuq minn 18-il miljun ruħ fil-Lvant Imbiegħed.
Fl-Ewropa, l-okkupazzjoni territorjali ġiet taħt żewġ forom differenti. Fil-punent, fit-tramuntana u fiċ-ċentru tal-Ewropa (Franza, Norveġja, Danimarka, l-Olanda, u l-Boħemja u l-Moravia anessi miċ-Ċekoslovakkja) il-Ġermanja stabbilixxiet politika ekonomika li ġabret madwar 69.5 biljun reichmark sal-aħħar tal-gwerra; din is-somma ma tinkludix is-sakkeġġ ta' prodotti industrijali, materjali belliċi, materja prima u prodotti oħra. Għalhekk, id-dħul minn pajjiżi okkupati kien iktar minn 40% tad-dħul minn taxxi fil-Ġermanja, figura li wara żdiedet għal 40% tad-dħul totali tal-Ġermanja għat-tul tal-gwerra. Fil-Lvant, ir-riżorsi naturali u l-materja prima mwiegħda mill-politika ta' lebensraum qatt ma nkisbu minħabba movimenti fil-frontijiet tal-gwerra u l-kunċett sovjetiku li wara irtirati ma jitħalla xejn li seta' jintuża mill-Ġermaniżi. Bil-kontra tat-territorji okkupati fil-punent, il-politika razzjali nażista kienet tinkoraġġixi brutalità lejn il-popolazzjonijiet Slavi tal-lvant, peress li dawn kienu jitqiesu inferjuri. Kienu ħafna għalhekk il-mejtin f'eżekuzzjonijiet tal-massa u massakri ta' tindif etniku. Minkejja li gruppi ta' reżistenza ġew iffurmati fit-territorji okkupati, dawn ma tantx fixklu attivitajiet ġermaniżi la fil-lvant u lanqas fil-punent, sa tmiem l-1943.
Fl-Asja, il-Ġappun kien isejjaħ lil pajjiżi taħt okkupazzjoni bħala parti mill-iSfera ta' ko-prosperità Asjatika, essenzjalment eġemonija ġappuniża f'isem il-liberazzjoni ta' popli kkoloniżati. Minkejja li l-qawwiet ġappuniżi kienu ngħataw merbħa bħala liberaturi minn dominanza Ewropea f'ħafna territorji, il-brutalità eċċesiva tagħhom dawret l-opinjoni pubblika kontrihom fi ftit ġimgħat. Fl-avvanzati inizjali tagħhom il-Ġappuniżi ħatfu madwar 4 miljun barmil żejt mitluqin fir-ritirata Alleata, u sal-1943 kienu kapaċi jżidu l-produzzjoni ta' żejt fl-Indji tal-Lvant Olandiżi għal iktar minn 50 miljun barmil, 76% tal-produzzjoni tal-1940
Matul il-gwerra, l-ajruplani komplew fir-rwolijiet tagħom tal-Ewwel Gwerra Dinjija, dawk ta' rikonjizzjoni, fighters, bombardieri u għajnuna tat-truppi tal-art, imma kull kamp ġie avvanzat b'mod konsiderevoli. Żewġ żidiet importanti kienu dawk tat-trasport mill-ajru, il-kapaċità li tmexxi matejal militari, għodda u truppi, anki jekk f'numri modesti; u l-użu tal-bombardament strateġiku, l-użu ko-ordinat tal-bombardieri biex jattakaw bliet jew ċentri ċivili bl-għan li tbaxxi l-produzzjoni u twaqqa' l-moral. Armi ta' kontra l-ajru komplew javvanzaw, biż-żieda ta' difiżi bħar-radar u artillerija kontra l-ajru, bħall-kanun ta'88mm Ġermaniż. Ajruplani bi propulsjoni jet raw l-ewwel operazzjonijiet tagħhom matul din il-gwerra, u anki jekk id-dħul tard tagħhom fil-gwerra ftit li xejn kellu effet fuq ir-riżultat, il-ftit ajruplani li ntużaw matul il-gwerra wasslu għal tibdil enormi fil-flottot t'ajruplani militari u ċivili.
Fil-baħar, filwaqt li avvanzi saru f'kważi kull qasam navali, iż-żewġ żoni ta' żvilupp kkonċnetraw rwieħhom fuq l-aircraft carriers u s-sottomarini. Anki jekk fil-bidu tal-gwerra il-qasam militari ajrunawtiku kellu relattivament suċċessi modesti ħafna, azzjonijiet f' Taranto, Pearl Harbor, il-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar u l-Baħar tal-Koralli malajr stabilixxew lill-aircraft carriers bħala l-iktar bastiment importanti fi gwerra, iktar mill-bastimenti tal-gwerra. Fl-Atlantiku, escort carriers dehru bħala parti fundamentali tal-konvojs, b'żieda drammatika tar-radju ta' protezzjoni effettiva tal-vapuri u billi soddew it-toqba fl-Atlantiku ċentrali. Lil hinn mill-effikaċja tagħhom, il-carriers kienu ħafna iktar ekonomiċi mill-bastiment tal-gwerra minħabba r-roħs relattiv fil-press tal-ajruplani u l-fatt li ma kellhomx bżonn ta' ħxuna fl-armaturi ta' protezzjoni tagħhom. Kulħadd stenna li s-sottomarini, li dehru importanti ħafna fl-ewwel gwerra, kienu ser jerġgħu joħorġu bħala fundamentali fit-tieni waħda. Il-Brittaniċi ffokaw fuq l-iżvilupp ta' miżuri fi sfond ta' gwerra anti-sottomarina, b'tattiċi, għodda u vapuri, bħas-sonar u l-konvojs; il-Ġermanja ffokat iktar fuq l-iżvilupp offensiv ta' din l-arma, b'diżinji bħas-sottomarin Tip VII u t-tattika wolfsrudel. Bilmod il-mod, teknoloġiji żviluppati kontinwalment mill-Alleati, bħal Leigh light, qanfud, klamar, u t-torpedos intelliġenti ħarġu rebbieħa.
Fuq l-art, il-gwerra mbidlet b'mod drastiku mill-frontijiet tal-gwerra statiċi tal-Ewwel Gwerra Dinjija, u saru ħafna iktar fluwdi u mobbli. Bidla importanti kienet il-kunċetti ta' armi kkumbinati, b'kordinazzjoni stretta ħafna bejn elementi differenti fil-gwerra; it-tank, li kien diġa ntuża fl-għajnuna tal-fanterija fl-ewwel gwerra, evolva biex sar l-arma primarja għal dawn il-qawwiet. Fl-aħħar tas-snin tletin, id-disinji tat-tankijiet tal-gwerra kienu diġa avvanzaw ħafna iktar minn dawk tal-ewwel gwerra, u l- avvanzati tkomplew matul is-snin tal-gwerra, b'żidiet fil-veloċità, armatura u qawwa. Sal-bidu tal-gwerra, ħafna armati kienu jikkunsidraw it-tank bħala l-aħjar arma kontriha nnifisha, u żviluppaw tankijiet għal dak l-iskop speċifiku. Dawn il-ħsibijiet ġew negati bl-attaki diżastrużi ta' tankijiet b'armaturi ħfief kontra xulxin, u bid-duttrina Ġermaniża li tevita ġlied dirett bejn it-tankijiet; dan tal-aħħar, flimkien mal-użu ġermaniż tal-armi kkumbinati, kienu fost l-elementi ta' suċċess fit-tattika tal-blitzkrieg fil-Polonja u Franza. Intużaw wkoll ħafna metodi biex jitkissru t-tankijiet, fosthom artillerija indiretta, u kanuni disinjati kontrihom (kemm miġbudin u mixjin b' saħħithom), mini, u suldati b'armi speċjali, u tankijiet oħrajn. Anki jekk ħafna armati kienu mekkaniżati, il-fanterija baqgħet tifformas-saħħa prinċipali tal-armati, u matul il-gwerra, ħafna mill-armi tal-fanterija kienu jixbħu jew disinjati fuq dawk tal-ewwel gwerra. Xi uħud mill-avvanzi primarji kienu fl-użu ta' machine guns mobbli, l-iktar eżempju famuż fosthom l- MG42 Ġermaniż, u ħafna submachine guns li kienu tajbin ħafna għal ġlied mill-qrib, f'ġungli jew ċentri urbani. L-assault rifle, kien żvilupp li sar fl-aħħar tal-gwerra, li kien jagħqqad l-aħjar fost il-vantaġġi tar-rifle u tas-submachine gun, sar l-istandard tal-armati wara l-gwerra.
Fil-kamp ta' komunikazzjonijiet, ħafna mill-pajjiżi belliġġerenti kbar pruvaw isolvi l-problemi tal-kumplessità u s-sigurtà preżentati fl-użu ta' kodiċi fil-kriptografija billi ħolqu bosta magni apposta, l-iktar famuża fosthom il-magna Enigma tal-Ġermanja. SIGINT (signals intelligence) kien il-proċess li jħassar id-dekriptazjoni, bl-iktar eżempji magħrufa jkunu l-Brittanika ULTRA u d-dekriptazzjoni alleata tal-kodiċi navali ġappuniżi. Aspett importanti ieħor tal-intelliġenza militari kien l-użu t'operazzjonijiet ta' taħwid tal-għadu, operazzjonijiet li l-Alleati użaw għal bosta drabi b'ħafna suċċessi, fosthom l-operazzjonijiet Mincemeat u Bodyguard, li dawwret l-attenzjoni Ġermaniża mill-invażjonijiet ta' Sqallija u n-Normandija, rispettivament. Riżultati importanti oħra milħuqa fil-kampijiet tal-inġinjerija u t-teknoloġija li waslu jew matul jew b'riżultat tal-gwerra jinkludu l-kompjuters (Z3, Colossus, u ENIAC), missili gwidati u rokits moderni, il-Proġett Manhattan u l-iżvilupp tal-armi nukleari, l-iżvilupp ta' portijiet artifiċjali u pajpijiet taż-żejt taħt il-kanal ingliż.