Histopathology image classification: Highlighting the gap between manual analysis and AI automation

Immodifika l-ħoloq
Dettall tal-pittura It-tabib ta’ Luke Fildes

Tabib jew prattikant mediku huwa professjonist li jipprattika l-mediċina, u xogħlu hu li jippromwovi u jissorvelja s-saħħa jew ifejjaq lill-pazjenti permezz tal-istudju, id-dijanjożi, il-pronjożi u t-trattament tal-mard, tal-feriti, u ta’ problemi fiżiċi u mentali oħra. It-tobba, fil-prattika tagħhom, jistgħu jiffukaw fuq ċertu kategoriji ta’ mard, tipi ta’ pazjenti, u metodi ta’ trattament—magħruf bħala speċjalizzazzjonijiet—jew jassumu r-responsabbiltà għall-għoti tal-kura medika kontinwa u komprensiva lill-individwi, lill-familji u lill-komunitajiet—magħrufa bħala prattika ġenerali.[1] Il-prattika medika tirrikjedi kemm għarfien dettaljat tad-dixxiplini akkademiċi, bħall-anatomija u l-fiżjoloġija, il-mard sottostanti u t-trattament tiegħu—ix-xjenza tal-mediċina—kif ukoll kompetenza deċenti fil-prattika applikata tagħha—l-arti u s-sengħa tal-mediċina.

Kemm ir-rwol tat-tabib kif ukoll it-tifsira tal-professjoni jvarjaw minn pajjiż għal ieħor madwar id-dinja. Il-lawriji u l-kwalifiki jvarjaw ferm, iżda hemm xi elementi komuni, bħall-etika medika li tirrikjedi li t-tobba jkollhom kunsiderazzjoni, kompassjoni u benevolenza għall-pazjenti tagħhom.

Tifsiriet moderni

Speċjalista fil-mediċina interna

Madwar id-dinja t-terminu tabib jirreferi għal speċjalista fil-mediċina interna jew waħda mill-bosta sottospeċjalitajiet tagħha (speċjalment meta mqabbel mal-kirurġija). Din it-tifsira tagħti sens ta’ esperjenza fit-trattament bil-mediċini u l-medikamenti, iktar milli bil-proċeduri tal-kirurgi.[2]

Bil-lingwa Ingliża, it-terminu “doctor” għal tabib għandu mill-inqas disa’ mitt sena: it-tobba u l-kirurgi darba kienu membriu ta’ professjonijiet separati, u tradizzjonalment kienu rivali.[3]

Enriku VIII ta “liċenzja” (charter) lill-Kulleġġ Irjali ta’ Londra fl-1518. Imbagħad fl-1540 ta liċenzja separata lill-Kumpanija tal-Barbiera-Kirurgi (predeċessur tal-Kulleġġ Irjali tal-Kirurgi). Fl-istess sena, il-monarka Ingliż stabbilixxa il-Professorat Regius tal-Fiżiku fl-Università ta’ Cambridge.[4] L-universitajiet iktar moderni x’aktarx li jiddeskrivu akkademiku bħala professur tal-mediċina interna. B’hekk, fis-seklu 16, physic (fiżiku) x’aktarx li kienet tfisser bejn wieħed u ieħor l-istess bħall-mediċina interna kif nafuha llum.

Attwalment, tabib speċjalista fl-Istati Uniti jista’ jiġi deskritt bħala internist (prattikant tal-mediċina interna). Fl-1996 intuża terminu ieħor, hospitalist, biex jiddeskrivi l-ispeċjalisti tal-Istati Uniti fil-mediċina interna li jaħdmu l-iktar jew esklużivament fl-isptarijiet.[5] Dawn issa jirrappreżentaw madwar 19 % tal-prattikanti mediċi ġenerali kollha tal-Istati Uniti li fil-pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż spiss huma magħrufa bħala general physicians.[6]

Dan l-użu, distint minn kirurgu, huwa komuni fil-biċċa l-kbira tad-dinja, inkluż fir-Renju Unit u pajjiżi oħra tal-Commonwealth (bħall-Awstralja, il-Bangladexx, l-Indja, New Zealand, il-Pakistan, l-Afrika t’Isfel, is-Sri Lanka, u ż-Żimbabwe), kif ukoll f’postijiet varji bħall-Brażil, Hong Kong, l-Indoneżja, il-Ġappun, l-Irlanda, u Taiwan.[6]

Nuqqas

Ħafna mill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, iżda mhux biss, spiss ikollhom problema ta’ nuqqas ta’ tobba. Fl-2015, l-Assoċjazzjoni tal-Kulleġġi Mediċi Amerikani wisset li l-Istati Uniti kien se jkollha nuqqas ta’ tobba (saħansitra nuqqas ta’ 90,000 tabib) sal-2025.[7]

Referenzi

  1. ^ L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. "Classifying health workers" (PDF).
  2. ^ H.W. Fowler (1994). A Dictionary of Modern English Usage (Wordsworth Collection). NTC/Contemporary Publishing Company. ISBN 1-85326-318-4.
  3. ^ Brown, Lesley (2002). The New shorter Oxford English dictionary on historical principles. Oxford [Eng.]: Clarendon. ISBN 0-19-861271-0.
  4. ^ "History of the School :: About the School :: School of Clinical Medicine". web.archive.org. 2012-12-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-12-09. Miġbur 2021-07-05.
  5. ^ Wachter R; Goldman L (1996). "The emerging role of "hospitalists" in the American health care system". N Engl J Med. 335 (7): 514–7.
  6. ^ a b Kuo, YF; Sharma, G; Freeman, JL; Goodwin, JS (2009). "Growth in the care of older patients by hospitalists in the United States". N Engl J Med. 360 (11): 1102–1112.
  7. ^ "U.S. faces 90,000 doctor shortage by 2025, medical school association warns" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-05.