Type a search term to find related articles by LIMS subject matter experts gathered from the most trusted and dynamic collaboration tools in the laboratory informatics industry.
Kartaġni (bil-Latin: Carthago jew Karthago, bil-Grieg: Καρχηδών Karkhēdōn, bl-Għarbi: قرطاج Qarṭāj, li tfisser "Belt Ġdida") huwa l-isem ta' belt antika fuq ix-xatt tal-Lvant tal-lag ta' Tuneż li ilha teżisti għal madwar 3,000 sena u li llum il-ġurnata hija subborg ta' Tuneż, fit-Tuneżija.[1]
Għall-ħabta tas-sena 814 Q.K., Kartaġni nbniet minn kolonji Feniċi mill-belt ta' Tiru, u ġiet dedikata lill-alla Melkart. Fil-leġġendi naraw li din il-belt twaqqfet minn Dido, u numru ta' stejjer differenti għadhom ħajjin fil-letteratura Griega u Rumana.[2]
L-ewwel snin ta' Kartaġni kienu kkaratterizzati bi problemi bejn is-sidien tal-art u s-sidien tal-iġfna. Is-soltu, minħabba d-dipendenza tal-belt fuq il-kummerċ marittimu, is-sidien tal-iġfna kienu jikkontrollaw il-gvern, u matul is-sitt seklu Q.K., Kartaġni bdiet tiddomina l-Punent tal-Mediterran. Merkanti u esploraturi waqqfu għaqda kbira ta' rotot kummerċjali, u Kartaġni bdiet issir sinjura u b'saħħitha. Fil-bidu tas-6 seklu Q.K., Hanno n-Navigatur hu maħsub li vjaġġa mad-dawra tal-Afrika, u jista' jkun li wasal sa Sierra Leone. Sadanittant, taħt mexxej jismu Malchus, il-belt bdiet tiddomina ix-xtut ta' fuq tal-Afrika u l-intern tat-Tuneżija.[3]
Fil-bidu tal-5 seklu Q.K., Kartaġni kienet iċ-ċentru tal-kummerċ tar-reġjun, pożizzjoni li żammet sakemm il-belt ġiet attakkata u inkorporata fir-Repubblika Rumana, fl-aħħar tat-Tielet Gwerra Punika. Kartaġni kienet ħadet il-kolonji l-qodma tal-Feniċi, kolonji bħal Hadrumetum, Utica u Kerkouane, flimkien mat-tribujiet Libjani, b'firxa minn partijiet tal-Marokk sal-fruntiera mal-Eġittu.[4] L-influwenza tagħha kienet inxterdet mal-Mediterran kollu, bil-kontroll ta' Sardenja, Malta, il-gżejjer Baleariċi u n-naħa tal-Punent ta' Sqallija. Wara l-Ewwel Gwerra Punika twaqqfu kolonji fl-Iberja (Spanja), l-iktar famuża fostom Kartaġena.
Is-sit arkeoloġiku ta' Kartaġni ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.[5]