Type a search term to find related articles by LIMS subject matter experts gathered from the most trusted and dynamic collaboration tools in the laboratory informatics industry.
Rafel (bil-Lhudi רָפָאֵל, Rāfāʾēl, "Huwa Alla li jfejjaq", "Alla jfejjaq", "O Alla, Nitolbok Fejjaq", bl-Għarbi: رافائيل, Rāfāʾīl) huwa isem ta' arkanġlu fir-reliġjon Lhudija u f'dik Nisranija li jwettaq kull xorta ta' fejqan, u anġlu meqjum ukoll fir-reliġjon Iżlamika. Fil-Lhudi modern, il-kelma "rofe" tfisser tabib u ġejja mill-istess għerq ta' Rafael, marbuta mal-funzjoni gwaritriċi tiegħu.
Fil-Ktieb ta' Enok (10, 5-7), ktieb tat-tieni seklu qabel Kristu, li mhuwiex parti mill-Bibbja, Rafel ijassar lil Ażażel, ix-xitan, f'deżert jismu Dudagħel:
"U l-Mulej issokta jgħid lil Rafel: 'Orbot lil Ażażel minn idejh u minn saqajh, u ixħtu fid-dlamijiet: u agħmel fetħa fid-deżert, li jinsab f'Dudagħel, u ixħtu hemm. U itfa' fuqu blat goff, u għattih bid-dlamijiet, u ħallih jgħammar hemm għal dejjem, u għattilu wiċċu ħa ma jarax id-dawl. U fil-Jum tal-Ħaqq il-Kbir ikun mixħut fin-nar'."
Fl-istess ktieb ta' Enok, kapitlu 21, jissemmew erba' arkanġli oħra: Urjel, Ragħwel, Sarjel, u Ġaramel.
Fil-Bibbja, l-isem tal-arkanġlu Rafel jissemma biss fil-Ktieb Dewtrokanoniku ta' Tobit. Il-Ktieb ta' Tobit jitqies bħala ktieb kanoniku (parti mill-Bibbja) mill-Kattoliċi u l-Ortodossi, iżda jitqies apokrifiku mill-Protestanti. F'dan il-Ktieb, Rafel isejjaħ lilu nnifsu bħala "wieħed mis-seba' anġli, li qegħdin quddiem it-tron tal-Mulej, u nistgħu nersqu lejh" (12, 15). Rafel kien mibgħut minn Alla biex jgħin lil Tobit, ibnu Tobija u lil Sara, mart Tobija. Tobit kien għama, u Sara għal seba’ darbiet ġarrbet il-mewt tal-għarus tagħha dakinhar tat-tieġ. Rafel akkumpanja lil Tobija fi vjaġġ lejn il-Medja, u jgħidlu li hu Għażarija li jfisser “Jahweh jgħin.” Filfatt Rafel jgħin lil Tobija fid-diffikultajiet li kien jinsab fihom u jipprepara lil Tobija għaż-żwieġ ma’ Sara. Fi tmiem il-vjaġġ jikxef min kien verament. Kien Rafel li keċċa l-ispirtu l-ħażin li kien qed iħabbat lil Sara. Dan l-ispirtu l-ħażin kien Ażmodew. Xogħlu hu li jfarrak iż-żwieġ. Kien ukoll bl-interċessjoni ta’ Rafel li Tobit beda jara. Fl-arti, xi drabi Rafel jiġi raffigurat fuq ħuta kbira jew qed iżomm ħuta f'tarf ta' qasba. Dan għax fil-Ktieb ta' Tobit, Rafel jgħid lil Tobija u jaqbad ħuta, u mbagħad juża l-marrara tagħha biex ifejjaq għajnejn missieru Tobit, u biex ikeċċi lil Ażmodew billi jaħraq il-qalb u l-fwied. Xi drabi San Rafel jiġi raffigurat ukoll b'xi flixkun tal-mediċina f'idu.
Rafel, flimkien ma’ Mikiel u Gabrijel huma l-uniċi tliet anġli msemmija b’isimhom fil-Bibbja.
Il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tiegħu nhar id-29 ta' Settembru, flimkien ma' San Mikiel u San Gabrijel. Fid-devozzjoni popolari Nisranija, San Rafel huwa l-qaddis patrun ta' diversi kategoriji ta' nies:
Qaddis partikolarment devot ta' San Rafel kien San Ġwann t'Alla, li l-arkanġlu kien deherlu biex jassigurah mill-protezzjoni tiegħu fil-kura li kien qed jagħti lill-morda u l-foqra. Id-devozzjoni lejh baqgħet fl-ordni li huwa waqqaf, l-Aħwa Ospidalieri.
San Ġorġ Preca ried li s-soċji tal-MUSEUM u t-tfal jitolbu l-protezzjoni ta' San Rafel meta jkunu se jibdew xi vjaġġ. Is-soċji tal-MUSEUM għadhom sal-ġurnata tal-lum isejħu ismu meta jieħdu t-tfal għal xi ħarġa, speċjalment meta jagħmlu użu minn vetturi.
Ħafna sptarijiet madwar id-dinja huma ddedikati lil San Rafel, fosthom dak ta' Milan imwaqqaf minn Don Luigi Verzé li jismu Istituto Scientifico Universitario San Raffaele.